Il-Milied
Ta' kull sena, fil-25 ta' Diċembru niċċelebraw il-festa tal-Milied. Din tiġi ċċelebrata mill-insara kollha, għax fiha niċċelebraw it-twelid ta' Ġesu'. F'din il-festa nsibu tradizzjonijiet insara, simboli u dekorazzjonijiet, kif ukoll ikel tradizzjonali.
Uħud mit-tradizzjonijiet Insara huma l-purċissjoni tal-Bambin, li din normalment tiġi organizzata mis-superjur tal-Mużew. Tradizzjoni oħra hija l-quddiesa ta' nofsillejl li fiha ssir il-prietka tal-Milied. Waqt din il-quddiesa jattendu ħafna nies u tista' tgħid li l-knisja tkun mimlija daqs bajda.
Insibu ukoll xi simboli u dekorazzjonijiet marbuta ma' din il-festa, fosthom is-siġra tal-Milied. Din tfisser li Ġesu' huwa s-siġra u aħna l-friegħi. Dekorazzjoni oħra hija l-punsjetta li s-simbolu tagħha huwa forma ta' stilla. Hemm ukoll il-boċċi tas-siġra tal-Milied li jissimbolizzaw il-ġraja ta' meta San Nikola kien poġġa tliet boċċi tad-deheb fit-tieqa ta' tliet tfajliet fqar.
Issa ser ngħaddi għall-ikel u ħelu tradizzjonali tal-Milied, li żgur jinżel għasel ma' kulħadd. Ftit mill-ikel li n-nies isajru f'din il-ġurnata huma d-dundjan, muniti taċ-ċikkulata, il-bastun taz-zokkor, qagħaq tal-għasel, u oħrajn. Il-familji jinġabru għand xi ħadd u flimkien jiċċelebraw l-ikla tradizzjonali tal-Milied, fejn kulħadd jispiċċa żaqqu mimlija.
Dawn it-tradizzjonijiet li għadni kemm semmejt huma importanti għax ifakkruna meta twieled Ġesu'. Dawn magħhom iġibu ferħ, għaqda u paċi. Importanti li dawn l-affarijiet jibqgħu magħna matul is-sena kollha