Dakinhar li mort is-suq man-nanniet.

Ilbieraħ mort is-suq man-nannu u n-nanna. Morna bil-mixi għax huma joqogħdu tefgħa ta'ġebla 'l bogħod. Aħna wasalna fl-għaxra għax in-nannu tiegħi baqa' jagħmel xagħru.


Kienu laħqu nġemgħu ħafna nies. Meta wasalna rajt vann kollu logħob eletroniċi. Jien saqsejt lin-nanna jekk nistax nixtri xi ħaġa minnhom. Hi qaltli liema minnhom kont irrid u għedtilha l-"mouse". F'tebqa t'għajn qabeż in-nannu u qal,"Fejn qiegħed il-ġurdien?"Jien infqajt nidħaq, imma ma tantx domt għax nannti qaltli li bla "mouse"se nibqa'.


Meta mxejna ftit ieħor jien xammejt riħa taqsam ta'mqaret. In-nanna marret tfittex fejn kienu biex tixtri. Meta sabet xtrat ħamsa. Waħda għalija, tnejn għan-nannu u tnejn għaliha.


In-nannu kellu bżonn jixtri żarbun tas-sodda ġdid. Hu sab ħafna differenti, imma ma kien jogħġbu xejn minnhom. Meta konna se mmorru lura waqaft zoptu meta rajt lil ħabib tiegħi. Jien xtaqt nibqa' nitkellem miegħu imma ma kontx nista' għax kien qed isir il-ħin.


Meta wasalna lura sibt lil ommi tistennieni barra. X'ħin wasalna lura d-dar tagħna għedtilha b'kollox li kien ġara. U fl-aħħar hi staqsietni jekk nixtieqx nerġa' mmur is-suq xi darba magħha. U jien ħtaftha fil-kelma biex forsi din id-darba jirnexxili nakkwista l-"mouse"!