L-Annimal Li Għandna Fid-Dar



Jien nħobb ħafna l-annimali għax iżommulek kumpanija u qatt ma jħalluk waħdek..

Għalhekk, jien inrabbi kelb. Il-kelb tiegħi jismu Scout u għandu sentejn.



Scout kien rigal mingħand missieri. Kont ilni ħajti kollha neqred għal kelb. Meta kelli tmien snin, il-papa' għamilli sorpriza, u meta ġejt lura d-dar mill-festin li kont fih, sibt kobba suf sewda tistennieni wara l-bieb. Scout għandu l-pil iswed u kannella ċar, għajnejn kannella mimlijin ġmiel, u widna ppuntata 'l fuq u l-oħra mniżżla 'l isfel. Huwa tar-razza 'Yorkshire Terrier'. Hemm Yorkies żgħar, kbar, imbagħad; bħal Scout; minn tan-nofs. Scout huwa makakk daqs ġurdien xiħ. Darba qattagħli l-ktieb tal- Mużew u meta mort ngħajjat miegħu, kien taparsi rieqed, avolja kont naf li mhux veru! Huwa ubbidjenti mhux ħażin, minbarra dawk id-drabi fejn iqalleb kullimkien! Darba kont ġejja d-dar mill-iskola u nsib lil Scout jiġri bit-'toilet paper' f'ħalqu u ommi tiġri warajh! Imma ma qabditux għax jiġri daqs għażżiela. U ma waqafx sakemm ħela t-'toilet paper' kollu!



Huwa joqgħod fid-dar tagħna. M' għandux kaxxa tiegħu, imma għandu sodda bluna cara b' kutra sewda u mħadda żgħira bajda. Scout għandu ħafna ġugarelli, fosthom il-ballun, l-għadma u l-ħabel. Imma l-favorita tiegħu hija l-kutra. Flimkien nilagħbu wkoll 'Catch', 'Fetch', noli u iktar logħob.



Kull filgħaxija, il-mama' ssajjarlu l-laħam u ġieli jkun irid iktar, allura jieħu ftit ikel tal-klieb. Bħala xorb jieħu ilma. Nieħdu dawra kull jumejn u tgħidx kemm jieħu gost. Naħsluh kull ħmistax u kemm-il darba jkollna nnaddfu warajh. Meta jkun ma jiflaħx, għadek ma tafx kemm niġġennu, u trid tarana kif noħduh sparat s' għand il-veterinarju.



Lil Scout inħobbu ħafna għax iħobb lili lura u mhux se jħallini waħdi. Tant hu speċjali għalija li nqisu bħala ħija. Nixtieq nagħmel appell lin-nies kollha biex ma jaħqrux l-annimali għax għandhom qalb u jħossu bħalna.

Scout l-ewwel ġurnata li ġibnieh

Scout meta kien għadu ġeru

Scout issa




Scout sentejn wara li ġibnieh