Avventuri f'Qiegħ il-Baħar


Fl-aħħar, il-ġurnata li tant kont qed nistenna waslet; dawra b'sottomarin ma' sħabi tal-iskola. Din id-dawra kienet se teħodna bejn Malta u Għawdex.


Hekk kif is-sottomarin beda nieżel f'qiegħ tal-baħar, kulħadd beda jistgħaġeb bil-ġmiel li kien hemm madwarna. Kien hemm ħafna ħut ta' kull kulur u fil-bogħod ilmaħna fekruna żgħira.


Is-sottomarin ħadna ħdejn xi għerien li jinsabu f'qiegħ il-baħar. Kemm kien hemm kwiet. Kultant tisma' l-ħoss tal-bżieżaq tal-ilma. Ħadd ma tkellem jew iċċaqlaq minn postu. Kulħadd baqa' msaħħar bil-ġmiel li kien hemm madwarna.


Rajt qarnita fuq blata. Kemm kienet kbira! Tant iggustajtha li marli l-aptit li niekolha! F'qiegħ il-baħar kien hemm ukoll ħafna ħaxix ikkulurit. Kien qisu ġnien mimli fjuri taħt il-baħar!



















Sfortunatament il-ħin għadda wisq malajr u kien wasal il-ħin li mmorru lura lejn id-dar. Iżda qatt ma jien ser ninsa din l-esperjenza unika!