Il-Kelb u l-Qattusa

Jien kelb ta' 3 snin u se ngħidlek storja li grat meta kont għadni zgħir ta' sentejn.

Kien tlugħ ix-xemx u jien kont għadni rieqed meta għajjatli sidi u beda jmellisli rasi. Qomt f'kemm trodd salib u ħriġt barra fil-ġnien. Qbiżt il-ħajt u ġejt fl-għalqa ta' Gwanni. Mort nxomm taħt is-siġra. Bqajt nimxi sakemm wasalt fit-triq u minn taħt l-għajn rajt qattusa. Ajma kemm nobgħodhom! Tlaqt niġri warajha.

Stajt nara li l-qattusa kellha dwiefer twal, għajnej blu u oħra kannella, widnejn zgħar u pil iswed bl-abjad. Kienet taħt karozza bajda allura ma tantx bdiet tidher sewwa imma kif ratni ħarġet inkiss inkiss. Kif ratni riesaq lejha ħarbet tiġri u daħlet ġo triq mwarba. Issa konna qegħdin naffrontaw lil xulxin b'wiċċ imqarras.

Il-qattusa għolliet darha u l-pil qam xewk xewk. Jien għollejt widnejja u denbi kemm nista' u qbadna niġġieldu. Il-qattusa girfitli wiċċi u bdejt ntiegħem id-demm. Qbiżt fuqha u qbadtilha denha.


Konna fil-qilla tal-ġlieda meta smajna leħen mara tgħajjat. L-għajjat ma tellifniex u komplejna bil-ġlieda. Kienet ilha tinbixni u issa kont ser npattihielha. F'daqqa waħda ħassejna kesħa kbira fuqna. Dik il-mara tefgħet barmin ilma kiesaħ fuqna u nfridna. Iżda b'ħarsa kiefra lejn xulxin wegħdna li l-ġlieda għad tkompli.

Tlaqt lura lejn id-dar nilgħaq id-demm minn ma wiċċi. Sibt lil sidi tistennini wara l-bieb. Mnalla kienet dik il-mara għax ma nafx kif konna nispiccaw.