Jien Triq ir-Repubblika! Naħseb tafuni għax jien it-triq prinċipali ġol-belt kapitali. Fl-antik kien jisimni Strada Rjali. It-toroq paralleli miegħi huma Triq il-Merkanti fuq il-lemin u fuq ix-xellug Triq id-Dejqa. Aħna naqsmu il-Belt Valletta minn tarf għall-ieħor.


B'inhar jgħaddu minni folol ta'nies biex imorru għax-xogħol, għal xi appuntament, għax-xiri u anki għal xi kawża l-Qorti! Jgħaddu wkoll mijiet ta' turisti biex jammiraw il-postijiet u monumenti sbieħ li hemm il-Belt Valletta. Filgħaxija l-atmosfera tinbidel. Ikun hemm nies, speċjalment żgħażagħ jiddevertu fir-restoranti u fil-barijiet. Jien inkun mimlija mużika u riħa tfuħ t'ikel.


Matul is-sena jkun hemm ġranet meta jżuruni eluf ta' nies f'daqqa. Eżempju fil-Karnival,fil-Milied u fin-Notte Bianca. F'dawn iż-żminijiet jien inkun imdawla u mżejna. Għalkemm b'dan it-tiżjin nidher isbaħ, wara li jgħaddi kollox nispiċċa maħmuġa bl-iskart li n-nies irresponsabbli jarmu.


Fil-bidu tiegħi hemm teatru mwaqqa' li fl-imgħoddi kien post vera sabiħ u popolari imma ma nixtieqx li jerġgħu jibnuh għax inkella jiġu ħafna inġenji goffi li jħammġu u jistgħu jkissruni.


Kultant taqbadni n-nostalġija niftakar fil-Kavallieri, fir-rejiet u l-presidenti Maltin li mxew fija. Niftakar il-bombi niżlin fuqi, jaqbduni d-dwejjaq u nittama li qatt ma jerġa jiġri hekk għax m'hemmx isbaħ mill-paċi.

Jien Triq ir-Repubblika!