Il-Magna taż-żmien


F'leġġenda li tirrakontali n-nanna, jingħad li fil-passat kien hemm żewġ friefet kbar: wieħed tad-dlam u l-ieħor tax-xemx. Il-farfett tax-xemx kien iħobb il-paċi imma dak tad-dlam dejjem kien iħobb il-ġlied. Jekk kont tħares lejhom kont issir tal-ġebel. Ommi tgħid li dejjem kienu jiġġieldu u ħadd qatt ma seta' jifhem għalfejn. Kienu jaħsbu li qed jaħbu sigriet li ħadd ma kien jaf x'kien.


Darba waħda kont qed niġri ġol-għalqa ta' missieri f'ġurnata sabiħa tar-rebbiegħa. Bdejt naqla' l-ħaxix u minn ġol-ħamrija ratba u rajt ħadida tleqq ħierġa. Ħaffirt biex nara x'inhi għax qabditni l-kurżita' u bdejt naqra x'kien hemm miktub, 'Passat', Preżent', 'Futur'. Kienet magna taż-żmien u jien għafast l-ewwel buttuna li sibt quddiemi.


Ħassejt rasi ddur bija u f'daqqa waħda sibt ruħi post ieħor. Bdejt inħares madwari u l-post għaraftu. Ma kontx bogħod minn fejn kont noqgħod. Bdejt infittex biex nara fejn hi d-dar u ma rajtx bini. Minn ġo għar rajt dawl qawwi ħiereġ. Kif id-dawl irrifletta fuq fjura din saret tal-ġebel. Bdejt nibża' imma għamilt kuraġġ u dħalt. Rajt żewġ friefet kbar jiġġieldu u jisparaw id-dawl. Ta' wieħed kien dawl ileqq u tal-ieħor dawl skur. Ħriġt niġri 'l barra u bqajt niġri kemm niflaħ.


Fi triqti ltqajt ma' raġel xiħ u bdejt ngħidlu x'rajt. Hu kien sejjer jaħdem l-għalqa u qalli li ħadd ma jersaq qrib dak l-għar għax in-nies jibżgħu. Kien liebes ilbies antik u qalli dak iż-żmien kienet għaddejja gwerra. Stqarr miegħi ukoll li kien l-1940. Ir-raġel qalli li l-friefet kienu jieħdu ħsieb magna taż-żmien. Hekk tiġi f'idejn xi ħadd kattiv jagħmel ħerba. Ftakart f'dak li kienet tgħidli n-nanna u issa sirt naf x'kien is-sigriet.


Il-post kien sabiħ ħafna imma jien ridt immur lura d-dar. Mort infittex l-għalqa ta' missieri forsi nerġa' nsib il-magna biex immur lura. Indunajt li sibtha minn bir vojt li għandna fit-tarf tal-għalqa. Mort fejn sibt il-magna u bdejt inħaffer. Sibt mina dejqa u bdejt miexi fiha. Spiċċajt fejn kien hemm il-friefet! F'daqqa waħda kien hemm splużjoni u intlift minn sensija. Kif qomt sibt ruħi fl-għalqa. Rajt il-magna b'ħafna ħamrija fuqha. B'hekk stajt immur lura d-dar.


Josef Caruana