It-Triq Fejn Noqgħod

It-triq tiegħi hija twila ħafna u minħabba f'hekk jgħixu ħafna familji u hemm ukoll xi ħwienet differenti.


L-ewwel hemm il-ħanut ta' taħtna. Fil-bidu beda jdejjaqna għax konna nisimgħu l-bieb tiegħu jinfetaħ u jingħalaq sal-għaxra ta' filgħaxija. Imma issa drajnieh u m'għadniex nagħtu każu. Darba kien ħafna riħ u l-kaxex li kienu barra marru kollha fit-triq. Tgħidx kemm gergru l-ġirien.


Hemm ħafna tipi differenti ta nies fit-triq tiegħi. Hemm min hu dħuli, hemm min dejjem bil-burdata ħażina u hemm min dejjem ixejjirli meta nkun qed nistenna l-vann. Imma l-iktar persuna li jdaħħaqni huwa l-ġar li jgħix quddiemna. Dan dejjem jagħmel xi praspura u ġieli anki ġew il-pulizija minħabba fih.


Quddiemna hemm persuna li jaħdem fil-Protezzjoni Ċivili. Naf għax ġieli narah bl-uniformi. Meta ma jkunx xogħol ninnutah jaħdem ġol-għalqa li għandhom ħdejn id-dar. Huwa jiżra' kull tip ta' frott u ħxejjex. Darba kont qtajt tadama minnha imma hu ma kienx induna.


Għalkemm ingergru hija komda li għandna ħanut taħt id-dar tagħna għax nistgħu mmorru nixtru malajr għandu. U l-ġirien tajjeb li jkollna għax jekk jiġrilna xi ħaġa nkunu nafu lil min ngħidu. Hemm it-tajjeb u l-ħażin f'kollox.