18 ta' Ġunju 2020


Għażiż djarju,


Ilum kienet ġurnata sabiħa u sħuna. Wara nofsinhar missieri ddeċieda li joħodna sa Marsaxlokk. Qalilna biex immorru l-garaxx miegħu ,ħalli nlestu l-qasab tas-sajd u xi xolfa li

konna ser nużaw. Jiena flimkien ma' ħija l-kbir lestejna basket bl-affarijiet u missieri lesta l- qasab tas-sajd. Kien hemm il-bajja mimlija nies jgħumu. Peress li huwa s-Sibt ħafna nies jinġemgħu ħdejn il-baħar. Imma missieri kien jaf fejn għandna mmorru , u hemmhekk ma kienx hemm ruħ. Ommi ħasbitilna għaliex qisna konna sejrin għal xi xahar il-bogħod mid-dar. Iprepparatilna ħobż biż-żejt, frott, ruġġata friska, xi pakketti tal-ħelu etċ. Konna ferħanin ħa ntiru, imma ma tantx kienet ser iddum il-ferħa. Armajna l-qasab tas-sajd bix-xolfa u kif ħa nagħmlu l-lixka, ma stajna nsibuha b'xejn, x'waħda ġratilna! Morna għal kaċċa mingħajr il- porvli. Issa x'ħa nagħmlu ? Staqsejna lill-missieri li donnu kien imfixkel waħda sew. Imma dlonk malajr ġietu idea tajba. Qalilna biex inġibu l-kopp u beda jurina kif għandna nagħmlu. Bdejna nħokku l- kopp mal-ħaxix li kien hemm mal-blat fil-baħar. Malajr bdejna nsibu xi gamblu jaqbeż fil-kopp u b'hekk stajna nillixkawh mas-sunnara u nistadu. Ehh! x'ġurnata dik! Solvejna problema u tgħallimna xi ħaġa ġdida.


Dejjem tiegħek,


Paul