Il-Ħanut tal-Illużjonijiet u

l-Bużullotti







Darba waħda morna ġo stabbiliment kbir biex nixtru rigal għall-oħti f'għeluq sninha. Minn seba' mili bogħod, rajna ħanut li kien jidher stramb u differenti. Ersaqna u ndunajna lit-tabella kienet rasha 'l isfel. Il-ħanut kien jismu 'Daħk u Ċajt'.





Mill-ewwel tinnota li l-ħanut kien ibigħ affarijiet strambi. Int u dieħel fil-ħanut ħadna l-ewwel qatgħa għax splodiet bomba żgħira. Il-ħanut kien kbir u spazjuż u kienu jispikkaw il-kuluri li kien fih. Hekk tħares ġod-disinji ta' mal-ħajt, għajnejk tħosshom iduru! Fin-nofs kellu statwa ta' kappell li minnha kien ħiereġ fenek sufi abjad.





Kellu ħafna affarijiet għall-bejgħ fosthom whooping cushions li meta toqgħod bilqegħda fuqhom jagħmlu ħoss stramb. Kellu slimes differenti u għanqbut bil-brimb li jimxi. Kellu kpiepel li minnu joħroġ xi annimal li ma tindunax kif ħareġ. Kellu karti tal-logħob enormi kif ukoll mazzi tal-karti speċjali li tista' tagħmel trikk lin-nies. Għoġbitni bakketta li taħdem b'kalamita u meta tagħmliha qrib xi ħaġa tal-metall timxi. Kellu dadi lli jaħsduk għax jiċċaqalqu waħedhom.