Ittra misterjuża għall-qamar

Darba waħda xi ħadd misterjuż bagħtli ittra d-dar sabiex immur inżur l-ispazju. L-envelopp kien kollu kuluri u għalhekk qabditni ħafna kurżità. L-għada filgħodu jiena qomt sabiex nibda nipprepara l-ħwejjeġ addattati għall-ispazju.


Fuq l-ittra kelli miktub minn fejn irrid immur nixtri l-ħwejjeg li għandi bżonn għall-mawra tiegħi fuq il-qamar. Fl-aħħar waslet il-ġurnata mistennija li mmur fuq il-qamar. Kmieni filgħodu ommi waslitni l-Imdina minn fejn kien ser jitlaq ir-rokit.


Malli wasalna rajt rokit kbir ħafna u kien kollu kuluri sbieħ. Sar il-ħin li nitilqu lejn l-ispazju. Jien kont ferħan ser ntir għaliex din kienet se tkun l-ewwel esperjenza tiegħi fuq il-qamar.


Ir-rokit beda jiġri u f'ħames minuti wasalna fuq il-qamar. X'ħin wasalna lbist ilbies protettiv u bdejna nduru l-qamar. F'ħin minnhom rajna lil xi ħadd isuq karozza li tisejjaħ 'moon buggy'. Dak li beda jieħu ħsiebna, qalilna li ġewwa l-'moon buggy ' ikun hemm l-Internet sabiex tkun tista' tikkomunika mal-pajjiż fejn toqgħod.


Wara gimgħa ndur fuq il-qamar kien wasal il-mument u l-ħin li mmorru lura Malta. Ir-rokit beda jsuq b'veloċità qawwija ħafna u għalhekk wasalna Malta f'inqas minn minuta. X'ħin wasalna lura Malta sibna tal-aħbarijiet jistennewna sabiex jistaqsuna xi mistoqsijiet.


Sibt lil ommi tistennieni u malli rkibt il-karozza saqsietni kif mort. Jiena kont pront u weġibtha li kienet esperjenza tal-ġenn u jekk ikolli ċ-ċans nerġa' mmur żgur. Din kienet esperjenza sabiħa ħafna u li tgħallimt minnha wkoll.