Maltempata Kbira

Kien il-Ħadd filgħodu meta stenbaħt bil-ħsejjes tal-pjanti iħabbtu mat-tieqa ta' kamarti. Kienet kesħa xxoqq l-għadam u x-xita bdiet nieżla bil-qliel. Mit-tieqa kollox beda jidher imċajpar u li kieku ma kellix arloġġ fil-kamra kont naħseb li saru t-tmienja ta' filgħaxija bid-dalma li waqgħet.


Ilbist flokk tas-suf isaħħan u mort fil-kċina għall-kolazzjon. Imma dakinhar ma sibtx il-kolazzjon lest fuq il-mejda imma karta li ħallietli ommi, b'nota li marru jixtru. X'ħin qrajtha, imsarni niżluli f'saqajja. Aktar ma beda jgħaddi ħin, il-maltemp beda jiżdied. Kelli bżonn belgħa te' biex niġi f'tiegħi u nkwetat poġġejt fuq is-sufan imgeddes taħt il-kutra.


Bdejt nitlob li ommi, missieri u oħti jinsabu tajbin u siguri. Kont ikkalmajt ftit sakemm f'daqqa waħda bdejt nisma' r-ragħad ikarwat, is-sajjetti jfaqqgħu u r-riħ ivenven. F'daqqa waħda nqata' d-dawl u waqa' dlam ċappa. Xgħelt it-torċ tal-mowbajl u dak il-ħin ninduna li kelli messaġġ mingħand ommi. Dak il-ħin serraħt moħħi li l-familja tiegħi jinsabu qawwijin u sħaħ ġewwa ħanut.


Meta ġie d-dawl, xgħelt it-televiżjoni. L-aħbarijiet qal li f'dik il-ġurnata, infetħu bibien is-sema u niżlet ħafna xita fi ftit sigħat. Huma wissew biex kemm jista' jkun kulħadd jibqa' ġewwa biex jiġu evitati l-inċidenti. Il-ħin bdejt narah twil, u ddeċidejt li nara film. Imma ftit irnexxili nara għax għajni marret bija.