Il-Karnival li ma ninsa qatt



Sentejn ilu qattajt il-Karnival li mhu se ninsa qatt. Għall-Karnival ommi u missieri ħaduni l-Belt Valletta u hemmhekk ġara avveniment li ħa jibqa' għal dejjem stampat f'moħħi.


Jiena lbist kostum mill-isbaħ ta'pirata. Ommi u missieri ħaduni nara l-karrijiet. Kemm kienu sbieħ b'ħafna kuluri jgħajjtu! Wara ħaduni nara l-parata u l-isfilata. Kien hemm ħafna żeffiena b'kostumi kbar u sbieħ ta' kull tip u għamla.


Sakemm ommi marret tixtri l-perlini u l-prinjolata, missieri lemaħ il-kukkanja. Huwa tħajjar jipparteċipa fil-logħba tal-kukkanja. Jiena inkorraġejt lil missieri biex imur jilgħab. Missieri ħassu kburi qisu xi supereroj u ħa sehem. Meta beda tiela' mal-arblu tal-kukkanja, jiena bdejt ngħajjat "Forza, Forza Papa!". Meta ħaseb li kien ħa jirbaħ, żelaq żelqa nobis u ġie fuq il-warrani. Huwa tgħidx kemm waħwaħ imma kulħadd infaqa' jidħak. Imbagħad jiena mort ngħannqu u għidtlu li għalija hu kien ir-rebbieħ!


Wara morna lura d-dar. Kemm dħakna flimkien waqt li kilna biċċa prinjolata mat-te`. Dan l-avveniment baqa' tant għal qalbi li meta nikber nixtieq li jiena ukoll nipparteċipa fil-logħba tal-kukkanja.